Shaun Caruana ta’ 28 inżamm arrest wara li ġie mixli b’diversi serqiet f’lokalitajiet differenti madwar Malta.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li Caruana ġie arrestat fit-tlettax ta’ Jannar fil-Ħamrun wara li kien hemm mandat ta’ arrest f’ismu.
L-imputat kien qiegħed jiġi investigat wara li bdew jiġu investigati diversi serqiet fil-Pieta, fil-Marsa, il-Belt Valletta u r-Rabat.
Ġie spjegat ukoll li l-imputat fis-26 ta’ Diċembru ġie arrestat b’attentat ta’ serq u ftit wara ddaħħal l-isptar Monte Karmeli. Meta ħareġ l-imputat mar l-għassa fejn beda jitlob għall-affarijiet personali tiegħu. Intqal li hemmekk l-imputat ma setax jiġi arrestat għaliex ma kienx hemm mandat ta’ arrest għalhekk ġie arrestat ftit ġranet wara.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fuq ir-raġuni li meta ħareġ il-mandat ta’ arrest, l-imputat mar minn jheddu għand il-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li l-akkużat huwa mixli b’diversi akkużi u l-fedina penali tal-imputat hija waħda kkulurita. Ġie spjegat ukoll li diversi persuni għadhom iridu jixhdu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.