Uffiċjal Amerikan ta’ 21 sena bl-isem ta’ Jack Teixeira u li jagħmel parti mill-Gwardja Nazzjonali tal-Ajru f’ Massachusetts tressaq il-Qorti b’rabta ma’ żvelar ta’ dokumenti militari importanti fuq il-gwerra fl-Ukrajna.
Huwa ġie arrestat mill-FBI fid-dar tal-familja tiegħu u tressaq quddiem il-Qorti Federali f’Boston il-Ġimgħa filgħodu. Huwa baqa’ jinżamm arrestat.
Għexieren ta’ dokumenti li allegatament ġew żvelati juru informazzjoni fuq id-difiża tal-ajru tal-Ukrajna u l-Korea ta’ Isfel, informazzjoni fuq il-Mossad u kif ukoll l-interessi taċ-Ċina f’Nicaragua fost oħrajn.
Id-dokumenti huwa mifhum li ġew żvelati fi grupp fuq il-pjattaforma Discord fejn hemmhekk ipparteċipaw bejn 20 u 30 żagħżugħ li kienu jitkellmu fuq l-armi. Huwa mifhum ukoll li l-iżvelar tad-dokumenti kien attentat sabiex Teixeira jimpressjona lil sħabu.
Is-seduta li jmiss tinstema’ nhar l-Erbgħa li ġej.