Stephen Galea, ta’ 44 sena minn Ħaż-Żabbar, tressaq il-Qorti akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu għal sentenza li ngħatatlu sentejn ilu, hekk kif irriżulta li l-indirizz li ta lill-Pulizija kien ta’ sit ta’ kostruzzjoni.
Ir-raġel ġie akkużat li m’obdiex il-kundizzjonijiet imposti fuqu f’Ottubru tal-2020 fuq proċeduri separati.
Huwa wieġeb mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni qalet li Galea kien ilu ma jiffirma fl-għassa minn April li għadda u lanqas ma kien qed jattendi għas-seduti l-Qorti.
Iżjed minn hekk, meta l-Pulizija marru jfittxuh fl-indirizz li kien tahom, irriżulta li l-post kien sit ta’ kostruzzjoni li żgur ma jgħixux nies fih.
L-avukat tal-akkużat argumenta li r-raġel għadu preżunt innoċenti u għaddej minn programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga. Issa qiegħed f’pożizzjoni li jipprovdi indirizz fiss fil-Mosta u jobdi l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Qal ukoll li fl-aħħar xhur ir-raġel dejjem irriżulta negattiv għad-droga u anki sab impjieg.
Il-Prosekuzzjoni qalet li meta tkellmet mas-Sedqa, is-social worker li jmexxi l-programm li kien qed jattendi l-akkużat qallu li Galea ma lestiex il-programm li kien beda.
Is-Sedqa qalet ukoll li l-imputat ma tax raġun għaliex ma baqax jiffirma fl-għassa jew jattendi l-Qorti minn April.
Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.