Riald Gragjevi, l-Albaniż mixli bl-involviment tiegħu fl-allegat każ ta’ swat brutali minn grupp ta’ bouncers f’Paceville, baqa’ jinżamm arrestat.
Huwa tressaq il-Qorti, il-Ħamis waranofsinhar ftit jiem wara li seħħ l-allegat każ, f’lejliet l-ewwel tas-sena.
Il-filmat, li ħareġ fuq il-portal Lovin Malta, allegatament ittieħed fl-aħħar lejl tas-sena l-oħra, u juri ħamest irġiel jattakkaw u jsawtu lir-raġel brutalment, inkluż b’oġġett simili għal lembuba.
Fil-fatt, Gragjevi ġie mixli b’intenzjoni li joqtol jew li jpoġġi ħajjet il-vittma Adriss Ahmed Adem f’periklu, li kkawżalu ġrieħi gravi b’armi flimkien ma’ persuni oħra, fost oħrajn.
Meta mistoqsi x’iwieġeb dwar l-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, l-imputat wieġeb mhux ħati.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-ġrieħi li ġarrab il-vittma saru permezz ta’ flixkun imkisser.
F’dan l-istadju d-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u sostniet l-imputat wieġeb mhux ħati għaliex hu wkoll sofra daqqa ta’ sikkina, filwaqt kellhom isirulu 8 punti. B’rabta mal-fatt li l-imputat inqabad fl-Ajruport ta’ Malta, id-Difiża ċċarat li l-imputat ma kienx qed jipprova jaħrab mill-pajjiż hekk kif il-biljett tal-ajru inqata’ mat-tliet ġimgħat qabel seħħ l-allegat każ.
B’hekk l-imputat baqa’ jinżamm arrestat.
F’isem l-imputat dehru l-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Jessica Formosa.
Ritratt: Talk.mt