Joseph Micallef, anzjan ta’ tlieta u sebgħin sena li jaħdem bħala bidwi, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li spara u laqat lil Noel Ciantar b’tir f’dahru, u kkawżalu ġrieħi serji. Ciantar jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei, u issa jinsab f’qagħda stabbli.
Il-każ seħħ fid-dsatax ta’ Awwissu fl-inħawi ta’ Għar Ħażrum, fil-limiti tas-Simblija fir-Rabat, fejn l-allegat agressur ħarab minn fuq il-post u immedjatament bdiet tfittxija għalih mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-Ispecial Intervention Unit.
Il-Ħadd filgħodu, ONE News żvela li t-tfittxija baqgħet għaddejja fi tmiem il-ġimgħa sakemm instab l-allegat aggressur, filwaqt li l-investigazzjonijiet mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett u l-uffiċjali mil-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija, għadhom għaddejin.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija ġabret numru ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà li kienu fiż-żona. Hawn allegatament deher l-imputat b’arma tan-nar.
Intqal ukoll kif l-imputat u l-allegat vittma kellhom numru ta’ problemi bejniethom, tant li l-vittma ta isem l-imputat bħala parti minn lista ta’ persuni ta’ min seta’ sparalu.
Aktar tard fl-investigazzjoni, instabet arma tan-nar li setgħet intużat fir-reat.
Il-Prosekuzzjoni stqarret li l-imputat saħansitra ammetta li kien hu li spara lil Ciantar mal-Pulizija u ta d-dettalji tar-reat, fejn stqarr li kien ilu irrabbjat ma’ Ciantar u dakinhar mar ħdejh u sparalu.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Id-difiża stqarret li kif qalet il-prosekuzzjoni, Ciantar ma jafx id-dettalji ta’ dak li ġara dakinhar, u żiedet tgħid li l-evidenza kollha marbuta ma’ dan il-każ hija kollha preservata.
Il-Prosekuzzjoni fakkret li dan il-każ seħħ biss jumejn ilu, għalhekk l-investigazzjoni b’rabta mal-każ għadha mhix konkluża.
L-anzjan inżamm arrestat.