Is-Sudaniż ta’ 30 sena li deher f’filmati fuq il-midja soċjali jaqla’ daqqiet minn numru ta’ bouncers u uffiċjali tas-sigurtà f’Paceville, nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li ta daqqiet ta’ flixkun u weġġa’ ħafif lil bouncer qabel ma’ allegatament seħħ il-każ ta’ swat.
Ahmed Adam Idriss Albarjo tressaq il-Qorti, is-Sibt filgħodu ftit jiem wara li seħħ l-allegat każ, f’lejliet l-ewwel tas-sena.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Brian Xuereb spjegat li l-filmat, li ħareġ fuq il-portal Lovin Malta, allegatament ittieħed fl-aħħar lejl tas-sena l-oħra, u juri ħamest irġiel jattakkaw u jsawtu lir-raġel brutalment, inkluż b’oġġett simili għal lembuba.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest wara li ġie spjegat li l-akkużat safa vittma ta’ swat brutali minħabba l-fatt li ma tħalliex jidħol ġol-istabbiliment. L-avukat irrimarkat l-filmat li qed jinxtered fuq il-midja soċjali ġie meħud wara li l-imputat kien diġà ġarrab ġrieħi ħfief u għalhekk jidher iwaddab il-flixkun.
Din it-talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba l-fatt li f’dan il-każ għad fadal ħafna nies li jridu jixhdu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li dan il-każ huwa kkumplikat ħafna u mhuwiex fi stadju li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest. B’hekk l-akkużat inżamm arrestat.