Viktor Dragomanski, mixli bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, f’Awwissu tal-2020 f’’Tas-Sliema, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġiet miċħuda t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest.
L-Imħallef Aaron Bugeja ċaħad din it-talba wara li Dragomanski ma ssodisfax il-kundizzjonijiet biex jinħeles mill-arrest.
Dragomanski ċaħad li kellu x’jaqsam fil-qtil, kif ukoll akkużi oħra ta’ serq, pussess ta’ arma mingħajr liċenzja u serq ta’ karozzi u pjanċi tal-karozzi. Jekk jinstab ħati ta’ dawn l-akkużi, huwa jista’ jeħel għomru l-ħabs.
L-akkużat kien ġie identifikat minn filmati tal-kameras tas-sigurtà hu u ħiereġ mill-post fejn fih seħħ id-delitt. Huwa kien ġie arrestat il-Gżira wara li kien prova jaħrab mill-pulizija.
Il-Qorti qalet li mhux konvinta li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, l-imputat jimxi mal-kundizzjonijiet imposti fuqu u qablet mal-Avukat Ġenerali li hemm riskju kbir li jaħrab minn Malta.
Għaldaqstant ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.