Abubacarr Darbo ta’ 24 sena mil-Gambja u li m’għandux indirizz fiss f’Malta, baqa’ jinżamm arrestat wara li ċaħad li seraq b’mod aggravat, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha biex tagħtih xi flus jew ħwejjeġ, u li kien qed iġorr arma li taqta’ u bil-ponta bla permess.
Darbo tressaq il-Qorti s-Sibt, bl-avukat tal-għajnuna legali ma jitlobx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Pulizija kienet spjegat li r-raġel ġie arrestat wara li allegatament avviċina mara, ħareġ sikkina, poġġielha m’għonqha u talabha xi flus. Jidher li dan irnexxielu jisraq il-mobile tal-allegat vittma u ħarab minn fuq il-post.
Il-Pulizija qalet ukoll li wara li saret tfittxija fuqu, instab il-mobile tal-allegat vittma.