Karl Vella Petroni ta’ 41 sena mill-Mellieħa baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-qtil involontarju ta’ żewġ pakistani.
Huwa tressaq il-Qorti b’rabta mal-inċident tat-traffiku traġiku li seħħ is-Sibt, fil-Mosta u apparti li ġie akkużat bi qtil involontarju, ġie akkużat ukoll li saq taħt l-effett tax-xorb u d-droga, li saq mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni u li kien riċediv fuq każijiet simili.
F’dan l-inċident tilfu ħajjithom żewġt Pakistani ta’ 41 u 33 sena, li t-tnejn jgħixu San Pawl il-Baħar.
Meta mistoqsi dwar il-kontestazzjoni tal-validità tal-arrest, l-Avukat Charles Mercieca għal Vella Petroni sostna li f’dan l-istadju m’għandux aċċess għall-materjal neċessarju sabiex ikun f’pożizzjoni li twieġeb għad-domanda tal-Qorti.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Abigail Critien, l-Ispettur Godwin Scerri għall-Prosekuzzjoni spjegat kif dak li wassal għall-arrest tal-imputat m’għandu x’jaqsam xejn u mhux marbut ma ebda informazzjoni li tista’ toħroġ jew qiegħda fl-inkjesta maġisterjali.
Tenna li l-arrest tal-imputat seħħ wara li l-Pulizija li kienet fuq il-post tal-inċident, indunat li l-imputat kellu riħa ta’ xorb minn imnifsejh. B’hekk b’dak is-suspett kien biżżejjed sabiex l-imputat jitqiegħed taħt arrest u tiskatta l-investigazzjoni kontra tiegħu.
Intant meta mistoqsi x’iwieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih, l-imputat wieġeb mhux ħati u sussegwentament talab għall-ħelsien mill-arrest.
Dwar din it-talba, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba r-raġuni li għad hemm xhieda pajżana x’jixhdu.
B’reazzjoni d-Difiża qalet li missier l-imputat lest iservi bħala terz garanti għall-biża’ tal-Prosekuzzjoni. Dan apparti li lest joqgħod għal ordni ta’ superviżjoni proviżorja f’każ li tintlaqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti wara li semgħet il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.