Abdulsalam Ben Hamed ta’ 46 sena minn Tripli, residenti Bormla, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija waqt li kien miżmum arrestat nhar il-Ġimgħa li għadda.
Imressaq il-qorti f’għeluq sninu, l-imputat li qal li jaħdem bħala mekkanik, ġie ukoll akkużat mill-Ispettur Alfredo Mangion b’serq aggravat ta’ vettura u li kkawża ħsarat fuq l-istess vettura nhar it-28 ta’ Diċembru li għadda u li kien riċediv. Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti meta ngħata l-libertà proviżorja f’Ottubru tas-sena l-oħra.
L-imputat m’għamel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk inżamm arrestat. L-avukat tal-għajnuna legali, Dr. Martha Mifsud dehret għall-akkużat.