Fabian Eliuth Garcia Parada, Kolombjan ta’ 43 sena, li joqgħod Tas-Sliema u jaħdem f’ristorant f’Ħal Qormi, inżamm arrest wara li ġie mixli mill-Qorti li qatel lil Sandra Ramirez.
Il-mara li hija Kolombjana ta’ 43 sena, inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina f’kamra tas-sodda f’appartament li kienet qed tgħix fih fi Triq George Borg f’Tas-Sliema, is-Sibt filgħodu.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Michael Vella u Wayne Camilleri, spjegat li s-Sibt għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħodu, l-imputat mar fl-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema u ta ruħu b’idejh.
Hemmek, huwa kellu traċċi tad-demm evidenti fuqu u uża app minn fuq il-mowbajl biex jittraduċi mil-lingwa Spanjola għall-Ingliż. B’hekk qal lill-uffiċjali tal-Pulizija preżenti li kien għadu kemm qatel lill-eks mara tiegħu wara argument u ġie arrestat bħala s-suspettat ewlieni ta’ dan id-delitt.
Wara ttieħed d-Depot tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar investigazzjoni.
L-imputat tagħhom iċ-ċavetta tad-dar u minn hemmek il-Pulizija marru fl-appartament li kien indikalhom l-allegat qattiel u sabu lill-mara bla ħajja fuq is-sodda b’daqqiet ta’ sikkina evidenti ma’ ġisimha.
Kien tim mediku li ssejjaħ fuq il-post li ċċertifika lill-vittma mejta fuq il-post.
L-akkużat wieġeb mhxu ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo żammet lill-imputat arrestat.