Raġel li nhar it-Tnejn ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li seraq kaxxa tad-donazzjonijiet tal-knisja, nżamm arrestat b’rabta ma’ akkużi ta’ serq ta’ karozza.
Il-Ġimgħa filgħodu, Ihor Cardaci, Ukren ta’ 31 sena, ġie skortat lura l-Qorti, quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo, akkużat b’serq ta’ karozza u attentat ta’ serq ta’ karozza separata, li seraq għodda minn garage, li saq fis-sakra, mingħajr liċenzja u mingħajr polza t’assigurazzjoni, li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti u li huwa riċediv, fost oħrajn.
L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni, Christabelle Chetcuti qalet lill-Qorti l-Pulizija rċeviet rapport ta’ serq minn garage f’San Pawl il-Baħar, il-Ħamis waranofsinhar.
Wara li ġew elevati l-kameras tas-sigurtà, l-Pulizija għarfet lill-imputat u marret fil-post fejn joqgħod u sabet il-karozza misruq bl-għodda fiha.
Cardaci wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża mmexija mill-Avukat Leontine Calleja ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.