Libjan ta’ 43 sena baqa’ jinżamm arrestat fuq akkużi relatati ma’ serq minn numru ta’ vetturi bejn Awwissu u nofs Settembru.
Is-Sibt filgħodu, il-Prosekuzzjoni spjegat li Kalen Ben Gamhur, deher f’filmati tas-sigurtà jisraq minn vetturi. Il-Prosekuzzjoni spjegat li hija ġabret il-filmati tas-sigurtà wara li nnutat li s-serq mill-vetturi żdied b’mod konsiderevoli fl-aħħar ġimgħat.
Hija żidiet tgħid li l-imputat ġie arrestat il-Ġimgħa.
Fil-Qorti ġie nnutat ukoll li l-imputat għandu problema ta’ dipendenza fuq id-droga eroina filwaqt li għandu bżonn l-għajnuna.
Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ordnat li Gamhur jinżamm arrestat filwaqt li jitpoġġa taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni minħabba l-problema ta’ droga li jħaddan.