Stephen Chircop ta’ 57 sena minn Ħaż-Żebbuġ baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat b’serq ta’ numru ta’ aċċessorji tal-moda mill-Belt.
Chircop ttella’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Daryl Borg tixlih li seraq tliet nuċċalijiet u par żarbun. Is-serqiet allegatament seħħew fl-aħħar 3 ġimgħat. Chircop kien akkużat ukoll li kiser ordni ta’ probation u sentenza sospiża filwaqt li huwa riċediv.
L-ispettur Borg spjega wkoll li Pulizija li kienu qed iterqu t-toroq tal-Belt l-Erbgħa li għadda nnutaw lir-raġel jaħbi xi ħaġa taħt il-flokk waqt li kien f’ħanut.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest hekk kif spjega li huwa l-unika persuna li jista’ jsostni l-familja tiegħu u jista’ jitlef xogħolu jekk jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba hekk kif sostniet li Chircop mhuwiex persuna affidabbli b’riżulatat li l-Maġistrat Farrugia ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.