Raġel ta’ 33 sena minn Ħaż-Żabbar baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu akkużat li hedded lill-eks sieħba tiegħu li joqtolha jekk titilqu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif Alvin Pullicino kien ġie arrestat wara li qatta l-mandat tal-arrest li urewh il-Pulizija u saħansitra pprova jaħrab minn fuq il-post.
Dan wara li l-eks sieħba tiegħu għamlet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika wara li Pullicino beda jagħmel kuntatt magħha biex terġa’ tkun f’relazzjoni miegħu. Hija sostniet ukoll li kkawżalha biża’ meta heddida li kellu arma kkargata għaliha u għal familtha.
Saħansitra l-Ġimgħa li għadda imbagħad, kienet għand il-familja tas-sieħeb tagħha meta beda jċempillha u qalilha illi se jkun qed joqtolhom kollha kemm huma.
Matul is-seduta r-raġel instab ukoll ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti hekk kif kellu jiġi mwissi aktar minn darba mill-Maġistrat Victor Axiak sabiex irażżan ilsienu u jpoġġi bilqegħda, iżda minkejja t-twissijiet kontinwi r-raġel m’obdiex.
Permezz tad-Difiża, Pullicino għamel talba għall-ħelsien mill-arrest madankollu l-Prosekuzzjoni ma qablitx ma’ dan hekk kif l-imputat għandu passat ikkulurit anke b’aktar rapporti ta’ vjolenza domestika. Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li Pullicino kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti f’każijiet differenti oħrajn.
B’hekk il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.