Jabi Abubaker ta’ tnejn u għoxrin sena mill-Gambja baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li seraq aktar minn elfejn ewro fi flus kontanti minn appartament f’Santa Venera.
Hu ġie mixli wkoll li għamel ħsarat fl-istess residenza.
Fil-Qorti, l-akkużat kellu diffikultà dwar in-nomina tiegħu minħabba l-fatt li meta kien ġie arrestat, hu kien kellem avukat tal-għajnuna legali differenti minn dak li għandu illum. Hawn il-Maġistrat Abigail Critien spjegat lill-akkużat is-sistema ta’ kif taħdem is-sistema tal-għajnuna legali, u li b’hekk l-avukat tiegħu huwa Matthias Felice.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella.