Ahmed Ali Bin Amir ta’ 37 sena mil-Libja baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’pussess aggravat ta’ droga.
Bin Amir wieġeb mhux ħati.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija tad-Distrett f’San Pawl il-Baħar irċevew rapporti li kien hemm numru ta’ nies miġbura fi flat.
Malli waslu fuq il-post il-Pulizija innutat riħa qawwija ta’ kannabis u fil-flat instabu żewġ persuni.
Wara tfittxija fil-flat allegatament instabu tliet pjanti tal-kannabis, sustanza suspettata kannabis lesta biex tiġi traffikata, flimkien ma’ ammont sostanzjali ta’ kokaina, miżien u flus kontanti.
Hawn ġie nnutat li l-ammont ta’ droga li nstab ma deherx li kienu għall-użu esklussiv tal-imputat.
Il-Prosekuzzjoni appellat sabiex Bin Amir ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest minħabba li l-imputat m’għandu ebda qraba fil-pajjiż u lanqas huwa impjegat.
Il-Qorti nnutat li jekk l-imputat ma jaħdimx b’mod legali iżda huwa kapaċi jikri flat f’ismu, dan mhux se jkun jista’ jgħix fil-flat sakemm ma jħallasx b’mod illegali.