Żagħżugħ ta’ 22 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti wieġeb mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li għamel atti sesswali ma’ tfajla minuri ta’ 14-il sena.
Iż-żagħżugħ ġie akkużat ukoll li kkorrompa lill-istess minuri u li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti f’każ preċedenti.
L-Ispettur Sarah Zerafa spjegat li t-tfajla għamlet rapport mal-ġenituri tagħha u qalet kif iltaqgħet mal-akkużat online, u l-imputat stedinha d-dar tiegħu.
Jidher ukoll li missier l-allegat vittma bagħat messaġġi ta’ theddid lill-imputat kif sar jaf b’dan l-aġir u ġie mitkellem mill-pulizija.
Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi u l-avukat tad-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest fejn argumenta li minkejja l-fatt li dan huwa każ delikat il-prosekuzzjoni għandha l-informazzjoni meħtieġa biex tipprosekwixxi u għalhekk m’għandux ikun hemm biża’ ta’ intraġġ ta’ provi.
Bil-qraba tal-imputati viżibbilment imbikkma fl-awla l-qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Charmaine Galea rrakkomandat biex fil-faċilitá korrettiva l-imputat jiġi segwit minn professjonisti biex jingħata l-kura għad-dipressjoni.
Dan filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-minuri u l-qraba tagħha.