Fabian Vella, ta’ 35 sena nżamm arrestat, għalkemm wieġeb mhux ħati għal sensiela ta’ serqiet li għamel u li ġew intraċċati permezz tal-marki tas-swaba.
Vella qed jiġi akkużat li seraq flus minn żewġ residenzi privati u mużew tas-subien fi Frar u Marzu li għadda.
Il-Maġistrat Joe Mifsud sema’ lill-proseukuzzjoni tispjega kif l-akkużat kien mistieden fid-dar ta’ ħabiba tiegħu, meta ftit wara li l-akkużat telaq mid-dar indunat li nsterqulha madwar €300 mill-kartiera.
L-investigazzjoni stabilixxiet li l-marki tas-swaba ta’ Vella qablu ma’ marki oħra f’serqa simili, li seħħet fuq anzjana ta’ 78 sena.
Kien fit-3 ta’ Marzu li għadda, meta l-akkużat ħabbat il-bieb tal-anzjana, biex taparsi jirranġa s-sistema tal-ilma, u għalkemm l-anzjana baqgħet tirrifjuta li ddaħħal lir-raġel fir-residenza tagħha, hu baqa’ jinsisti li jekk ma jirranġax s-sistema tal-ilma, id-dar tagħha kienet se tintela bl-ilma.
Dak il-ħin l-akkużat, hekk kif l-anzjana fetħet il-bieb daħal bil-forza, l-istess ħaġa li għamel f’mużew tas-subien f’Ħal-Tarxien meta seraq flus tal-karità.
Id-difiża spjegat li l-akkużat kien għadu kemm tilef l-ommu iżda l-Qorti qalet li dan ma jiġġustifikax l-azzjonijiet tal-aggressur u għaldaqstant ma tatx il-ħelsien mill-arrest, wara li kkunsidrat li r-ragel huwa wkoll reċediv.