Mitchel Buhagiar ta’ 32 sena mill-Mellieħa nżamm arrestat fil-Faċilita Korretiva ta’ Kordin wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati ma’ pussess tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca fil-Qorti spjegat kif l-arrest tal-akkużat sar wara li l-Pulizija nnuttat attivita suspettuża qrib ir-residenza tiegħu.
Meta daħlet fir-residenza tal-akkużat, il-Pulizija allegatament sabet droga kokaina u kannabis li dehru li ma kenux għall-użu personali tiegħu. Dan filwaqt li fil-vettura tiegħu allegatament instabet aktar droga u oġetti li jintużaw għall-bejgħ ta’ sustanzi.
L-Ispettur żied jispjega kif wara li kompliet bl-investigazzjoni, anke fuq il-mobile personali tal-imputat, allegatament instabu bosta messaġġi ma’ persuni li juru li magħhom ukoll kien hemm attivita relatata mad-droga.
Buhagiar wieġeb mhux ħati, filwaqt li d-Difiża tal-Għajnuna Legali talbet għall-ħelsien mill-arrest. Talba li sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella nnutat il-gravita tal-każ, il-kondotta kkulurita tal-imputat u saħqet kif il-każ għadu fi stadju bikri sabiex tagħti l-ħelsien mill-arrest.