Ransdon Debono ta’ tmintax-il sena minn Ħal Qormi, baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li fis-sbatax ta’ Lulju għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq tfalja.
Huwa tressaq il-Qorti għall-ħabta ta’ nofsinhar quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Roderick Agius spjegat li huwa kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied fit-triq.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Waqt li kien qed jinstema’ l-każ, fl-awla daħal missier it-tfajla u qajjem kommossjoni. Huwa qal kliem dispreġġjattiv fil-konfront tal-allegat aggressur u nħareġ mill-awla mill-Pulizija ftit sekondi wara.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest; liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni għaliex l-akkużat għandu fedina penali kkulurita għall-età ta’ tmintax-il sena, u diġà kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Marzu li għadda fuq każ separat.
Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.