Abdiladeef Abdirahman Hassan ta’ 24 sena mis-Somalja u li jgħix Birżebbuġa nżamm arrestat wara li ġie mixli li abbuża sesswalment tliet minuri bniet li jgħixu f’djar tat-tfal. Fil-qorti l-ispettur John Spiteri qal li dan l-aħħar it-tfajliet li huma kollha taħt l-età u li għandhom ordni ta’ ħarsien, bdew jiġu rrappurtati nieqsa.
Ingħad li l-bniet kienu jirritornaw wara tlett ijiem nieqsa b’mobile ta’ valur u flus kontanti fuqhom. B’kollox kien hemm tliet tfajliet involuti ta’ bejn it-13 u l-14-il sena u l-kuntatt magħhom beda b’messaġġi fuq Facebook.
Irriżulta li fl-aħħar jiem waħda mill-minuri marret lura fid-dar tat-tfal fejn kienet tgħix u fil-pussess tagħha nstab li kellha d-droga kannabis.
Mill-investigazzjonijiet li saru, il-pulizija rnexxielha tasal għall-akkużat. Meta marru biex jarrestawh mir-residenza tiegħu f’Birżebbuġa, il-pulizija sabet il-bieb imsakkar minn ġewwa. Kien hawn li Hassan qabeż minn ġot-tieqa sabiex jaħrab mill-pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli huwa ġie akkużat ukoll bi traffikar ta’ minuri għax l-akkużat kien iqabbadhom jixtrulu d-droga. Huwa ġie mixli wkoll li abbuża sesswalment mit-tlett ibniet, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħhom, li weġġa’ ħafif lil waħda minnhom u li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis.
Il-Maġistrat Audrey Demicoli ordnat sabiex Hassan jinżamm arrestat u ordnat divjet fuq l-isem il-minuri. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegati vittmi.