David Mifsud, ta’ 40 sena, u li joqgħod Tal-Pietà, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli b’pussess u traffikar ta’ droga, b’ħasil ta’ flus, u li huwa reċediv.
Mifsud huwa wieħed mill-4 persuni li ġew arrestati waqt ħidma konġuta bejn diversi sezzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija, b’rabta ma’ grupp ta’ kriminalità organizzata involut f’ħasil tal-flus u traffikar ta’droga.
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Mifsud wieġeb li mhux ħati għal dawn l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li nhar it-Tnejn li għadda, għall-ħabta tal-4.30pm, il-Pulizija waqqfet karozza fi Triq Oscar Zammit fl-Imsida u fiha nstabu 102 kapsoli bid-droga u ponn tal-ħadid.
It-tfittxija kompliet f’ħanut tal-istess raġel fi Triq Nicolò Isouard, il-Marsa. Hemmhekk instabu 14-il kapsola oħra, b’sustanza suspettata li hija wkoll kokaina. L-ammont tal-allegata droga kokaina misjuba tammonta għal ftit inqas minn 1.2 kilo, b’valur fit-triq ta’ madwar €95,000.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ordnat li r-raġel jibqa’ jinżamm arrestat, filwaq li iffriżat l-assi tiegħu.