Layden Spiteri, ta’ 24 sena, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bi traffikar ta’ kokaina u ħasil ta’ flus.
Dan wara li spezzjoni fid-dar tiegħu wasslet għal sejba ta’ numru ta’ sustanzi illeċti u oġġetti ta’ valur.
L-ispettur li mexxa l-Prosekuzzjoni, John Leigh Howard, qal li l-Pulizija rċeviet informazzjoni anonima xhur ilu li Spiteri kien qed imexxi attivitajiet illeċti b’rabta mad-droga, u b’hekk beda jiġi sorveljat.
Wara li nħareġ mandat ta’ arrest, il-Pulizija arrestat lil Spiteri l-Ħamis u tfittxija fil-karozza tiegħu rriżultat f’sejba ta’ 18-il pakkett b’sustanza lu hu suspettat li hi kokaina. Dan filwaqt li, fost oħrajn, fir-residenza tiegħu nstabet ħafna ġojjellerija tad-deheb u arloġġ tal-għamla Rolex flimkien ma’ ħafna ħwejjeġ tad-ditta.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravitàtal-każ inkwistjoni, filwaqt li għad hemm xhieda x’jixhdu u b’hekk hemm il-biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Il-Qorti ordnat li l-imputat jinżamm arrestat filwaqt li ordnat ukoll lill-Prosekuzzjoni sabiex ix-xhieda jixhdu fis-seduta li jmiss.
Inħarġet ukoll ordni tal-iffriżar tal-assi ta’ Spiteri, minbarra allowance ta’ €13,000 fis-sena għall-bżonnijiet tiegħu.