Daniele Aquilina ta’ sitta u għoxrin sena minn Ta’ Xbiex inżamm arrestat wara li ġie mixli li t-Tlieta li għadda, wettaq hold up minn ħanut tal-kafe f’Ta’ Xbiex.
Il-każ seħħ ma’ sbieħ il-jum meta l-akkużat daħal b’sikkina kbira fil-ħanut u talab lill-kaxxiera tagħtih il-flus.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Aquilina ġie mixli wkoll b’serq aggravat u li żamm lill-kaxxiera u lill-klijenti li kellha fil-ħanut kontra r-rieda tagħhom.
Huwa ġie mixli wkoll li fl-istess jum seraq handbag ta’ mara u li għamel użu minn karozza li ma kinitx tiegħu.
Fil-qorti ngħad li l-akkużat wettaq dawn l-allegati reati waqt li kien b’sentenza sospiża dwar każ li seħħ tliet snin ilu u b’ordni ta’ protezzjoni. Huwa kien mixli wkoll li sar reċediv.