Joseph Bezzina ‘tal-Ħarbux’ ta’ 64 sena li jgħix in-Naxxar inżamm arrestat wara li allegatament spara fuq il-karozza ta’ Michael Camilleri ‘Tal-Bżar’. Dan tal-aħħar tressaq il-Qorti l-ġimgħa, fejn ingħata sentenza sospiża.
Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda fil-Magħtab, fil-limiti tan-Naxxar, meta ntalbet l-għajnuna tal-Pulizija wara li allegatament ġew sparati diversi tiri f’residenza.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li mill-ewwel investigazzjonijiet ħareġ li Camilleri kien il-persuna li saq bil-karozza ġo xatba tad-dar u kissirha.
Intqal li mal-Pulizija, Bezzina spjega li l-argument kien bejn ibnu u Michael Camilleri, u li t-tiri sparati allegatament minnu kienu sparati biex allegatament jipproteġi lill-familtu.
Fil-Qorti ntqal ukoll li l-Pulizija se tressaq persuna oħra b’rabta ma’ dan il-każ.
Bezzina wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Ritratt: PBS