Publius Said, magħruf bħala Leo, ta’ 73 sena, residenti San Pawl il-Baħar, inżamm arrestat wara li ġie mixli b’ tixrid ta’ pornografija tat-tfal.
Fil-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil u l-Ispettur Dorianne Tabone, spjegat kif irċiviet rapport min-‘National Crime for Missing and Exploited Children’, wara li l-imputat allegatament xerred 4 filmati pornografiċi ta’ minuri.
Intqal kif f’wieħed minn dawn il-filmati, tifla żgħira ħafna kienet saħansitra qed tiġi stuprata.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif dan ġie kkonfermat mis-‘service provider’ tiegħu.
Meta l-akkużat ra l-akkużi li qed jiġi mixli bihom, huwa beda jrodd is-slaleb.
Id-difiża għamlet kontestazzjoni għall-arrest, għaliex l-allegat każ seħħ f’ Novembru tas-sena l-oħra u l-imputat seta’ jitressaq b’ċitazzjoni. Din il-kontestazzjoni ġiet miċħuda mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, hekk kif l-imputat huwa inaffidabbli, u l-fedina penali tiegħu turi li ilu jxellef difrejh mal-ġustizzja sa minn meta kien zgħir.
Barra minn hekk hemm il-biża’ ta’ intralċ tal-provi, hekk kif Said inqabad iħassar l-evidenza fil-passat.
Intqal, li minkejja bosta sentenzi mill-Qorti, huwa baqa’ jagħmel l-istess affarijiet li ġie mixli bihom. Huwa qal ukoll li l-midja soċjali hija ħajtu.
Id-difiża, immexxija mill-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Carmel Gatt, argumentat li l-każijiet riċenti tiegħu mhumiex ta’ kalibru għoli, kif ukoll appellat biex tiġi kkunsidrata l-eta’ tiegħu u l-fatt li għandu problemi bil-pressjoni.
Barra minn hekk issemma wkoll il-fatt li m’hemm ebda xhieda pajsana, u b’hekk m’għandux lil min jinfluwenza.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet micħuda fuq biża ta’ intralċ.
Saret ukoll ordni biex Said ma jingħata ebda aċċess għall-internet kif ukoll biex tiġi ppreservata l-evidenza bl-aqwa mod possibli.
Id-Difiża għamlet talba għall-divjett fuq l-isem. Din it-talba ġiet miċħuda għaliex m’hemm ebda relazzjoni mal-minuri, għaliex huma barranin.