Raġel ta’ 44 ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti semgħet kif allegatament ħareġ sikkina għal raġel ieħor wara ħabta żgħira fit-triq.
Stephen Galea tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace mixli li kkaġuna biża’ ta’ vjolenza, li ġarr sikkina, li saq b’mod perikoluż, li għamel ħsara lill-karozza tal-vittma, li saq mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni, u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ pleġġ preċedenti.
L-Ispettur tal-prosekuzzjoni, Roderick Attard, qal lill-Qorti li fl-4 ta’ Diċembru l-pulizija irċeviet rapport mingħand il-vittma li l-lejl ta’ qabel, sewwieq ieħor kien ħabat mal-vettura tiegħu fit-triq u, wara li ħareġ mill-karozza tiegħu, dan aġixxa b’mod aggressiv u ħareġ sikkina.
Il-vittma, qal l-Ispettur Attard, ma kienx jaf lill-akkużat iżda ħa nota tan-numtu tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-karozza. Wara li Galea ġie identifikat, instab li huwa kien diġà fuq il-libertà proviżorja u kien projbit milli jħalli r-residenza tiegħu bejn it-8pm u s-7.30am.
Galea wieġeb li mhux ħati għall-akkużi. Bħalissa, huwa impjegat ma’ ħanut tal-pastizzi bħala sewwieq li jikkonsenja x-xogħol.
Il-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad iridu jixhdu xhieda ċivili u ħeġġet lill-Prosekuzzjoni biex tiżgura li x-xhieda ċivili kollha tinstema’ fis-seduta li jmiss.