Traore Keredio ta’ 37 sena mill-Mali nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar ta’ persuni u dokumenti foloz fost oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts spjegat ir-raġunijiet wara l-arrest tal-imputat fuq erba’ akkużi differenti.
Ġie spjegat li fl-20 ta’ Ottubru li għadda inqabdet persuna barranija fl-Ajruport internazzjonali ta’ Malta li kienet se tivvjaġġa minn Malta lejn Franza. Din kellha passaport tan-Niġerja u karta tal-identità tal-Italja li wara diversi investigazzjonijiet irriżulta li kienet falza.
Waqt l-interrogazzjonijiet din il-persuna qalet li din xtrat il-karta tal-identità minn persuna mill-Mali għal elf ewro. Qalet li marret tiltaqa’ miegħu fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid u tagħha d-dokumentazzjonijiet li kellha bżonn.
Irriżulta wkoll li allegatament dan kien ilu jsir għal diversi xhur ma’ nies differenti fosthom il-familja tiegħu biex jaħarbu lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Hekk kif id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba fuq diversi raġunjijiet fosthom ħafna id-dokumenti foloz li għandu aċċess għalihom l-imputat u b’hekk hemm ċans li jaħrab minn Malta.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet miż-żewġ naħat, il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.