Żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Birżebbuġa nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kellu x’jaqsam ma’ tifla ta’ 13-il sena.
Il-każ allegatament seħħ is-Sibt li għadda fiż-Żejtun.
L-akkużat Luca Agius, ġie mixli li wettaq atti ta’ natura sesswali fuq it-tifla, li pparteċipa f’attivitajiet ta’ natura sesswali u li kkorrompiha fil-pubbliku. Huwa kien akkużat ukoll b’pussess u li ssupplixxa l-kannabis u li kien ukoll riċediv.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Busuttil spjegat li l-investigazzjoni tal-Pulizija saret wara rapport li t-tfajla għebet mill-dar residenzjali li kienet tgħix fiha għal lejl sħiħ.
Intqal ukoll li mal-carers tagħha, it-tifla qalet li l-akkużat prova kellu x’jaqsam magħha għat-tieni darba madankollu malli hi uriet li ma tridx, l-akkużat aċċetta dan u waqaf. Quddiem il-Qorti ġie spjegat ukoll li ż-żewġ żgħażagħ pejpu l-kannabis flimkien, liema sustanza inxtrat mill-akkużat.
L-akkużat, li ma jaħdimx, riċentament kien daħal Kordin fuq akkużi simili.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u b’hekk l-imputat inżamm arrestat.
Fil-kummenti tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud indirizza lill-Agius u qallu li hekk kif ninsabu fil-Ġimgħa Mqaddsa, dan jaħbat żmien tajjeb biex jinżamm arrestat ħalli jirrifletti fuq għemilu. Huwa qallu wkoll li teżisti għajnuna bħall-Caritas, is-Sedqa u Suriet il-Bniedem sabiex jegħleb il-problemi li għandu.