Ruud Buhagiar ta’ 30 sena minn Marsaskala inżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar ta’ droga u li kien parti minn żvelar ta’ informazzjoni li mill-allegata Surġent Cherise Camilleri fosthom b’rabta ma’ rejds li kellhom isiru lill-persuni dwar diversi investigazzjonijiet.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christina Delia spjegat li għall-aħħar ta’ Ottubru bdiet investigazzjoni intensiva wara li l-Pulizija kellha informazzjoni li kienet se ssir serqa minn dar privata. Intqal li l-imputat Ruud Buhagiar kien wieħed mis-suspettati.
Ġie spjegat li s-serqa ma kienetx seħħet u hemmekk b’mod kunfidenzjali persuna marret fuq l-ispettur Christina Delia u qalet li persuna minn ġewwa l-korp tal-Pulizija għaddiet xi informazzjoni lil terzi persuni fosthom lil Ruud Buhagiar dwar dan.
Fil-fatt b’rabta ma’ dan saret tfittxija lis-Surġent Cherise Camilleri u fit-18 ta’ novembru sar l-arrest tas-Surġent u nżammet arrestata.
Intant fil-21 ta’ Novembru l-imputat Ruud Buhagiar ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li ġie lura minn btala.
Hawnhekk, il-Pulizija ikkonfiska l-mowbajl tal-imputat u nstabet informazzjoni dwar diversi operazzjonijiet li kienu se jsiru mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga.
Ftit wara, l-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest għaliex qal li kellu bżonn għajnuna medika mill-Isptar Mater Dei imbgħad reġa ġie arrestat.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-konfront tal-imputat dehru l-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin fejn talbu għall-ħelsien mill-arrest
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba għaliex minkejja li d-data inġabret mill-mowbajl taż-żewġ imputati, l-investigazzjoni hija waħda kumplessa. Intqal li r-reati huma serjissimi, hemm nies oħrajn li għadhom iridu jixhdu u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Abigial Critien ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.