Awal Mohammed, ta’ 38 sena mis-Sierra Leone li jgħix San Pawl il-Baħar, ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li spiċċa l-Qorti akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ sentenza preċedenti.
Ir-raġel inqabad miexi fi triq fil-Qawra l-Ħadd għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ filgħodu.
L-Ispettur Maurice Curmi xehed fil-Qorti kif l-imputat mhux biss kien barra f’ħin li suppost ma joħroġx, iżda mar jgħix x’imkien ieħor mingħajr ma nforma lill-Pulizija.
Barraminnhekk, ir-raġel kien ilu ma jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija għal dawn l-aħħar xahrejn.
L-avukat t’għajnuna legali tal-akkużat irrimarkat li l-klijent tagħha kien barra dak il-ħin biex jixtri l-ħobż.
Fid-dawl li l-akkużat m’ammettiex l-akkużi miġjuba kontrieh, u l-Qorti m’emmnitx il-verżjoni ta’ għaliex kien barra f’nofs ta’ lejl, it-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda – bil-ħsieb li ma jerġax jikser il-kundizzjonijiet imposti fuqu.