Raġel Ukren li nqabad b’19,000 sigarett tal-kuntrabandu fil-bagalja mal-wasla tiegħu f’Malta ma ngħatax ħelsien mill-arrest wara li kmieni dalgħodu tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati li kiser il-liġijiet tad-Dwana.
Ihor Klymenko, ta’ 38 sena minn Kiev, qed ikun akkużat li kiser il-liġijiet tad-Dwana, l-Att dwar id-Dazju tas-Sissa u l-att dwar il-VAT.
Wara li l-istess raġel għadda mis-sezzjoni “M’għandi xejn x’niddikjara”, l-uffiċjali tad-Dwana skenjawlu l-bagalja fejn dan wera li kien qed iġorr ammont kbir ta’ sigaretti tal-kuntrabandu.
Klymenko sippost kellu jħallas is-somma ta’ €3,322 f’dazju, €317 f’taxxa tal-importazzjoni u €754 f’VAT.
Għalkemm l-avukat tad-difiża Chris Chircop talab għall-ħelsien mill-arrest, din it-talba ma ntlaqatx mill-prosekuzzjoni fejn sostnew li r-raġel kien bi ħsiebu li jqatta’ ġimgħa biss f’Malta u għalekk kien hemm ċans kbir li dan jitlaq mill-pajjiż.
Kien għalekk li l-Qorti ddeċidiet li hu jibqa’ miżmum fil-kustodja tal-Pulizija.