Kompla l-investiment fil-Korp tal-Pulizija, bit-Taqsima tal-Kavallerija issa tikseb żewġt iżwiemel u vetturi ġodda għat-trasport tagħhom.
Iż-żwiemel ġodda, ta’ erba’ u sitt snin, inxtraw minn Limerick fir-Repubblika Irlandiża u se jieħdu post żewġt żwiemel oħrajn li issa rtiraw wara li għal dawn l-aħħar disa’ snin taw servizz fil-Korp u fil-komunità.
Iż-żwiemel irtirati kienu ngħataw bħala għotja fl-2016, iżda issa se jingħataw lis-Second Chance Horse Sanctuary fir-Renju Unit biex igawdu l-aħħar snin tagħhom hemmhekk.

L-investiment fis-sezzjoni tal-Kavallerija ħaseb ukoll fl-akkwist ta’ vetturi speċjalizzati għall-ġarr taż-żwiemel, b’aktar minn mitejn elf ewro. Kull waħda mill-vetturi bi pjattaformi apposta kapaċi ġġorr f’kumdità żewġ bhejjem f’daqqa.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li l-investiment massiċċ li sar fil-Korp tal-Pulizija, issa laħaq ukoll is-sezzjoni tal-Kavallerija.
“Is-sezzjoni tal-Kavallerija fil-Korp tal-Pulizija taqdi rwol importanti ħafna, sew jekk hux patrolling, mass events, sew jekk hux iċ-ċerimonjal u anke attivitajiet oħrajn, li jkun hemm bżonn proprju f’din is-sezzjoni għax-xogħol tal-Pulizija, issa wkoll qed tissaħħaħ, mhux b’investiment fi żwiemel ġodda fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, però anke wkoll l-għodda, il-makkinarju u l-vetturi biex dawn iż-żwiemel jinġarru bl-aktar mod dinjituż.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-investiment qawwi li sar fil-Korp tal-Pulizija matul dawn l-aħħar snin.
“L-eqdem sezzjoni fil-Korp tal-Pulizija b’investiment li jeċċedi l-€200,000 qegħdin ninawguraw żewġ vannijiet ġodda li ħa jipprovdu aktar kumdità lin-nies tagħna u dawk iż-żwiemel li jġorru rank ta’ spettur fil-korp tal-Pulizija.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa
Is-sezzjoni tal-Kavallerija tal-Korp tal-Pulizija kienet twaqqfet fl-1859, ħamsa u erbgħin sena wara li nħoloq il-Korp. Kienet l-ewwel sezzjoni speċjalizzata u għadha topera sal-lum il-ġurnata.

B’kollox, il-Kavallerija tgħodd 15-il żiemel, b’kull wieħed li għandu r-rank ta’ Spettur.
Xogħol din it-taqsima jvarja minn patrols, preżenza waqt attivitajiet tal-massa u logħob sportiv, sa skorti ċerimonjali ta’ kapijiet ta’ stat fi żjarat statali u preżentazzjoni ta’ kredenzjali minn ambaxxaturi.
Issa bl-akkwist ta’ żewġ vetturi għall-ġarr taż-żwiemel, il-Kavallerija tal-Pulizija se tkun tista’ tifrex aktar il-preżenza tagħhom fl-ibliet u fl-irħula ferm ’il bogħod mill-kwartieri tagħha fil-Marsa.