Mil-lejl li għadda, il-faċċati tat-tliet Palazzi Presidenzjali nxtegħlu b’kulur aħmar sabiex jitqajjem aktar għarfien dwar l-importanza tal-għoti tad-demm filwaqt li jingħata rikonoxximent lid-donaturi kollha.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-President intqal li l-Palazz tal-Granmastri fil-Belt Valletta, il-Palazz ta’ Sant’Anton, kif ukoll il-Palazz tal-Verdala se jibqgħu mixgħula sal-14 ta’ Ġunju li ġej, meta madwar id-dinja kollha huwa l-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm.
Din is-sena hija t-18-il darba li qed jiġi imfakkar dan il-jum, u t-tema magħżula hija ‘Agħti d-demm u żomm il-qalb tad-dinja tħabbat’.
Il-President ta’ Malta, George Vella jieħu l-opportunità biex iħajjar entatjijiet governattivi, non-governattivi, kummerċjali, u oħrajn biex huma wkoll jingħaqdu f’din l-inizjattiva li permezz tagħha jintwera apprezzament lid-donaturi tad-demm, partikolarment lil dawk li tul il-pandemija għelbu l-biża’ u resqu biex jagħtu d-demm u jkunu ta’ spalla għal eluf li ġew bżonnu.