Fil-Qorti t-Tlieta kompliet tinstema’ wkoll il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Vince Buhagiar, l-Eks Direttur ta’ Allied Newspapers, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Ian Camilleri qal li kienet instabet email mingħand Keith Schembri sabiex lill-akkużat jgħaddilu ħamsa u tletin elf dollaru Amerikan.
Intqal li Buhagiar kien jirċievi pagamenti minn kumpanija bl-isem ta’ Malmos Ltd, mmexxija minn Keith Schembri u għalkemm Buhagiar kien qal lill-pulizija li l-flus kienu għall-konsulenzi, ma hemm l-ebda evidenza li turi dan bil-miktub.
Kompla jintqal kif l-akkużat rċieva ‘l fuq minn mija u erbgħa u tletin elf dollaru, ’il fuq minn mija u ħamest elef dollaru kif ukoll ħamsin elf ewro mill-istess kont tal-bank f’Ġibiltà.
Buhagiar kompla jisħaq li n-numru tiegħu tal-VAT qatt ma kien ntuża għaliex il-kumpanija Kasco qatt ma staqsew għall-invoices u stqarr li qatt ma ġie mħallas bi flus kontanti.
Rappreżentant ta’ Allied Newspapers, li wkoll xehed fil-każ, qal li l-akkużat irtira mill-kumpanija fl-elfejn u sebgħa iżda xorta baqa’ jagħti l-pariri tiegħu lil Progress Press.
Rappreżentanta mill-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kumpaniji stqarret li l-akkużat ma kien jidher li kellu l-ebda involviment f’kumpaniji mill-elfejn u ħamsa.