Chris Farrugia ta’ erbgħin sena minn Ħaż-Żabbar baqa’ jinżamm arrestat wara li huwa tressaq il-Qorti mixli li wettaq sitt serqiet, fosthom fuq anzjani.
Fil-Qorti, li kienet ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Mercieca, instema’ li l-vittmi dejjem taw l-istess deskrizzjoni tal-akkużat, persuna maskili li jittallab għall-flus u jbigħ il-biljetti.
Intqal ukoll li wħud mill-vittmi indunaw li seraqhom waqt li kien f’darhom.
Darba minnhom intlemaħ ikellem anzjana fil-Mellieħa u hemmhekk ġie arrestat.
L-imputat kien diġà nstab ħati li wettaq reati simili u kien il-ħabs.
Fil-Qorti ntqal li tlett ijiem wara li ħareġ mill-ħabs beda jisraq mid-djar.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Għall-akkużat deher l-Avukat tal-għajnuna legali Joe Brincat, li ma oġġezzjonax fuq il-validità tal-arrest.
Filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia, li oġġezzjonaw għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, minħabba li l-akkużat ma għandux indirizz fiss.