L-Imħallef Anthony Vella, ordna li isem ta’ raġel, li għal tmintax-il sena sħaħ ċaħad li kellu bintu, jitniżżel fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ bintu.
Instema’ kif l-omm kienet fetħet kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-konfront tal-missier u d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku.
Hi qalet li kienet bdiet toħroġ ma’ missier it-tifla meta hi kellha biss sittax-il sena u hu kellu għoxrin sena u wara li nqabdet tqila, missierha kien keċċiha mid-dar u riedhom jiżżewġu.
Wara li kienu għamlu d-data tat-tieġ, missier it-tifla la ried jirranġa u lanqas ried ikun jaf bit-tifla.
Żiedet tgħid li billi għamel hekk kien ċaħad dritt li t-tifla tkun taf min hu missierha.
It-tifla tal-koppja, xehdet fil-Qorti li meta kellha sittax-il sena kienet ikkuntattjat lil missierha bix-xewqa li tiltaqa’ miegħu iżda dan kien reġa’ ċaħad li jafha u qalilha biex ma terġax tikkuntattjah.
Il-missier ċaħad dak li qalet it-tifla u wara li minn test tad-DNA instab li hu vera missierha, l-Imħallef laqa’ t-talba biex jitniżżel isem il-missier fuq iċ-ċertifikat tat-twelid.