Kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Jeffry Varghese, li huwa mixli li fl-24 t’Awwissu daħal fil-karozza ta’ mara, messha, hedda u serqilha l-karozza.
Fil-Qorti xehdet l-allegat vittma ta’ dan l-allegat reat, fejn spjegat dak li ġara għall-ħabta tas-7 ta’ filgħaxija ta’ dakinhar.
Hija qalet li kienet qed issuq fi Triq it-Tamar fil-Qawra, fejn semgħet ħoss, u ħarġet ‘il barra biex tara jekk laqtitx xi ħaġa bil-karozza. Minn hemm hija rat li ma laqtet xejn u marret lura biex tidħol fil-karozza, meta rat lill-imputat bilwieqfa quddiem vann.
Sostniet li meta daħlet fil-karozza, din ma setgħetx tistartja, u r-raġel avviċinaha u ġibidha mill-karozza u qal li se jgħinha. Dan irnexxielu jistartja l-karozza, iżda meta din startjat, allegatament ħareġ mill-karozza u għalaq il-bieba, u għalhekk il-mara marret tiġri biex tidħol fil-karozza tagħha mill-bieba tal-passiġġier.
L-imputat allegatament reġa’ daħal fil-karozza u beda jsuq biha ħdejh u beda jaqbdilha sidirha u saqajha. Imbikkma fil-Qorti, il-mara spjegat li waqt dan kollu l-karozza kienet miexja, u hi kompliet tgħajjat sabiex dan joħroġ ‘il barra.
Hija qalet li bdiet tipprova toħroġ mill-karozza tagħha stess, iżda l-imputat allegatament qalilha li jekk toħroġ barra se jisparalha. Spjegat li kien irnexxielha toħroġ ‘il barra, fejn rat mara miexja, u qaltilha sabiex iċċempel lill-Pulizija, filwaqt li l-imputat allegatament saq minn fuq il-post bil-karozza tagħha.
Wara xehed is-sieħeb tal-allegat vittma, li spjega kif eżatt wara dan kollu, hija ċemplitlu u spjegatlu x’ġara b’rogħda kbira, u malli qatgħet, dan ċempel lill-Pulizija.