Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti laqa’ l-miri fiskali ambizzjużi għal wara l-pandemija u nnota li l-inzjattivi tal-Gvern huma meritati sabiex itaffu l-effetti ekonomiċi tal-pandemija li ġabet sfidi madwar id-dinja, kif ukoll l-għajnuna li ta l-Gvern Malti għall-irkupru ekonomiku.
Il-Kunsill, li jagħti ħarsa u jevalwa il-politika fiskali u ekonomika tal-Gvern u li jaħdem b’mod indipendenti, qal dan fi stqarrija li fiha ntqal wkoll li l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ġie ppreżentat rapport dwar l-evalwazzjoni tal-Aġġornament tal-Programm ta’ stabbiltà 2021 – 2024.
Fir-rapport, il-Kunsill jinnota li r-reżiljenza tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna f’mument ta’ sfida globali huwa riżultat tal-miżuri li kien ħabbar il-Gvern għall-ħaddiema u n-negozji f’pajjiżna s-sena li fiha faqqet il-pandemija u li huma mistennija li jibqgħu fis-seħħ matul din is-sena.
Ġie nnotat ukoll li wara t-tnaqqis fil-Prodott Domestiku Gross (PDG) li kien irreġistrat fl-2020 – minħabba ż-żieda fl-infiq tal-Gvern b’rabta mal-pandemija, it-tbassir juri li PDG f’termini reali mistenni jirkupra parzjalment din is-sena b’żieda ta’ 3.8%, filwaqt li fl-2022 it-tkabbir mistenni jkun ta’ 6.8%.
Iż-żieda fis-sentejn ta’ wara se jkun aktar moderat, b’4.5% fl-2023 u 4% fl-2024.
Matul dan l-istess perjodu, l-infieq pubbliku huwa ppjanat li jibqa’ ogħla mid-dħul, u fl-2021 id-defiċit fiskali huwa mistenni li jikber 12% tal-PDG. Minkejja dan, il-pjan hu li mis-sena d-dieħla sal-2024 id-defiċit jinżel għal 2.9% meta mqabbel mal-Prodott Domestiku Gross, bid-dejn jiġi stabbilizzat għal ftit aktar minn 60% tal-PDG matul l-istess perjodu.
Il-pjan tal-Gvern li jbaxxi d-defiċit fiskali għal taħt it-3% tal-PDG intlaqa’ mill-Kunsill, li temm ifisser ukoll kif ix-xenarju fiskali tal-pajjiż se jibqa’ kredibbli fl-erba’ snin li ġejjin.