Fl-aħħar jiem il-Gvern nieda l-iskema ‘Nikru biex Nassistu’, bdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet fl-uffiċċji tal-Awtorità tad-Djar biex il-Gvern jikri postijiet mill-privat. Dan bil-għan li jkabbar l-istokk ta’ bini taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar biex wara jinkrew b’mod sussidjat lil dawk li qegħdin fuq il-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni affordabbli.
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-iskema tapplika għal sidien ta’ residenzi fi stat finished jew shell u b’permessi ta’ ppjanar approvat. Is-sidien ta’ postijiet li għadhom fuq il-pjanta iżda approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar ukoll huma eliġibbli li japplikaw sakemm jgħaddu lill-Awtorità tad-Djar fi stat finished. Jekk l-applikazzjoni tiġi magħżula mill-bord imwaqqaf apposta l-ftehim ikopri perjodu ta’ għaxar snin.
Fost l-inċentivi li se jagħti l-Gvern lil dawk interessati hemm l-eżenzjoni minn kull taxxa fuq dħul mill-kera mħallsa lis-sidien għal din il-proprjetà u ż-żieda fil-kirja b’rata fissa ta’ 2% kull sena. Dan apparti li l-ftehim ifisser dħul garantit għall-applikant.
Fost il-kriterji li se jiġu kkunsidrati waqt l-ipproċessar tal-applikazzjoni hemm il-kundizzjoni u t-tqassim tal-post, il-kwalità ta’ finishes, il-lokalità, l-aċċessibilità u l-energy efficiency tal-proprjetà.
L-implimentazzjoni tal-iskema ‘Nikru biex Nassistu’ tfisser li waħda mill-wegħdiet ewlenin mill-manifest elettorali f’dan is-settur qed titwettaq.
L-applikazzjonijiet flimkien mal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti jistgħu jinġabru mill-uffiċċji tal-Awtorità tad-Djar, 22, Triq Pietro Floriani, il-Furjana.