Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-promozzjoni tal-kummerċ qed jilqa’ l-proposti għall-iżvilupp ta’ proġetti fl-Afrika ta’ Fuq u fi Lvant Nofsani minn organizazzjonijiet Maltin mhux governattivi li huma rreġistrati mal-kunsill tal-volontarjat.
Proġetti li l-gvern se jiffinanzja disgħin fil-mija minnhom, filwaqt li l-proġetti preferibilment isiru f’pajjiżi fejn Malta għandha rappreżentazzjoni diplomatika.
Fi stqarrija il-Ministeru saħaq li permezz tal-għajnuna li l-gvern Malti jagħti lil dawn l-organizazzjonijiet huwa japplika l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp, filwaqt li juri d-dedikazzjoni tal-gvern sabiex jilħaq il-miri għall-iżvilupp sostenibbli tal-2030.
Il-Ministru Carmelo Abela saħaq li l-ħidma tal-għaqdiet mhux governattivi hija importanti f’dawn il-pajjiżi minħabba li hija qrib in-nies u għalhekk l-għajnuna tal-gvern għall-proġetti tagħhom tiżgura li l-fondi jħallu impatt posittiv fil-komunitajiet t’hemmhekk.
L-iffinanzjar ta’ 90% tal-proġett se jingħata lil proġetti li uffiċjalment jagħtu assistenza għall-iżvilupp b’nefqa ta’ mhux iktar minn ħamsa u sebgħin elf ewro kull proġett.
Il-proposti iridu jkunu sottomessi onlajn fuq is-sit www.Vofunding.org.mt sa mhux iktar tard minn nofsinhar tal-Ġimgħa, 15 ta’ Frar.