Għat-tnax-il edizzjoni tal-Fun Run, ħadu sehem aktar minn sebat elef persuna, bl-aktar lokalità li fiha marru nies tkun dik ta’ Raħal Ġdid fejn aktar minn ħames mitt persuna marru jagħtu l-kontribut tagħhom għall-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
B’hekk, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, ħabbar li ntlaħqu l-miri kollha li kien hemm għall-Fun Run ta’ din is-sena. Fl-intervent tiegħu, Cutajar qal li l-entità riedet, b’mod assolut, tagħti l-kontribut tagħha għal dan l-avveniment.
Fi tmien l-attività, f’San Anton, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem u taw daqqa t’id fl-organizzazzjoni ta’ dan il-Fun Run.
Huwa fakkar li l-appuntament li jmiss huwa s-26 ta’ Diċembru, il-jum tal-Istrina. Iżda l-President sostna li l-Fondazzjoni tgħin lil dawk il-persuni fil-bżonn ġurnata wara ġurnata u għaldaqstant ħeġġeġ biex l-għajnuna tingħata dejjem u mhux f’jum wieħed biss.
F’isem il-Gvern, il-Ministru Byron Camilleri preżenta donazzjoni ta’ ħmistax-il elf ewro u stqarr kif f’dawn il-mumenti toħroġ biċ-ċar il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li sostna l-karità m’għandhiex tieqaf fuq livell ta’ flus iżda hemm diversi modi ta’ kif wieħed jesprimi l-karità.