Għat-tieni darba konsekuttiva fl-istess ġimgħa, id-domanda għall-elettriku f’pajjiżna kisret ir-rekord, meta laħqet il-ħames mija u ħamsa u sittin megawatt tul il-jum tal-Ħamis.
Fl-elfejn u dsatax, fis-sena ta’ qabel il-pandemija, l-ogħla domanda kienet ta’ ħames mija u għaxar megawatts.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Enemalta fil-Marsa, il-Kap Eżekuttiv l-Inġinier Jason Vella spjega dettalji tekniċi wara l-qtugħ ta’ dawl li sofrew numru ta’ klijenti fl-aħħar jiem.
Il-ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni żviluppaw minħabba s-sħana qawwija fuq l-infrastruttura u ż-żieda fid-domanda.
L-aktar żoni milquta kienu dawk tal-Mosta u n-Naxxar fit-tletin ta’ Lulju, u Marsaskala fil-ħamsa t’Awwissu.
F’wieħed u sebgħin fil-mija tal-każijiet, is-servizz ingħata lura f’inqas minn siegħa.
L-Inġinier Vella spjega l-miżuri li ttieħdu biex ingħata lura s-servizz kemm jista’ jkun malajr, fosthom bis-sehem ta’ mija u tmenin ruħ li ħadmu fuq il-ħsarat.
“Sfortunatament u hawnhekk niskuża ruħi mal-klijenti li domna biex tajnihom is-servizz lura, kellna sitwazzjonijiet fejn ma stajniex nagħtu s-servizz mill-ewwel. Ippruvajna kemm jista’ jkun fejn innutajna dawk il-problemi npoġġu anki generators fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tagħna fejn kien fiżikament possibbli.” 24
L-Inġinier kompla jispjega li n-netwerk tibda mill-ġenerazzjoni tad-dawl, li titqassam fiċ-ċentri tad-distribuzzjoni li huma mifruxin madwar Malta.
Dawn huma mqabbdin ma’ numru ta’ substations li minnhom, l-elettriku jgħaddi għand il-konsumaturi.
Spjega kif meta jkun hemm ħsara, l-Enemalta tidentifika minn fejn ġejja u tipprova tagħti s-servizz tad-dawl lura minn ġo rotta alternattiva.
“Joħroġ tim speċjalizzat b’apparat speċjalizzat, isib fejn qiegħda l-ħsara u sussegwentament, speċjalment jekk tkun taħt l-art, titħaffer it-triq fejn hemm il-ħsara, tiġi msewwija u wara li tiġi msewwija l-ħsara, essenzjalment il-configuration tan-netwerk terġa’ tinqaleb kif kienet qabel ma ġrat il-ħsara mbagħad fl-aħħar mill-aħħar nerġgħu nagħlqu t-triq kif kienet qabel.” 30
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intweriet grafika li wriet kif mill-elfejn u erbatax ’l hawn, naqas sew il-ħin li wieħed idum jistenna biex jingħata lura s-servizz meta jkun hemm ħsarat.
Intant, ġie mfakkar l-impenn tal-Gvern li pajjiżna jkollu t-tieni interconnector biex iżid is-sorsi tal-enerġija ħalli tkun tista’ tintlaħaq id-domanda id f’id mal-antiċipazzjoni ta’ kemm mistennija tikber l-ekonomija fis-snin li ġejjin.