Intlaħaq qbil fin-negozjati bejn l-Unjin tal-Cabin Crew u l-Air Malta, favur kundizzjonijiet tax-xogħol li se jgħinu lill-kumpanija toħroġ mill-maltemp li ġab miegħu l-Coronavirus fl-istess waqt li l-linja nazzjonali tal-ajru ssir aktar sostenibbli.
Fuq Facebook, il-Ministru responsabbli mill-Air Malta, Silvio Schembri, laqa’ l-vot tal-Cabin Crew tal-Air Malta, u qal li n-negozjati kienu diffiċli u ħadu ħin twil ta’ diskussjonijiet li wasslu biex il-ħaddiema ċedew biċċa imma l-impjegati kollha se jżommu l-post tax-xogħol tagħhom.
Il-Ministru Schembri qal li riżultat tas-sagrifiċċju tagħhom, il-kumpanija se tkun tista’ topera b’mod aktar kompetittiv.
Qal li jonqos biss li jintlaħaq ftehim mal-Unjin tal-Bdoti l-ALPA biex huma wkoll jikkoperaw ħalli jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tal-kumpanija.
Temm jgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jgħin lil-linja tal-ajru Maltija imma l-ewwel se jara li titranġa l-effiċjenza tal-operat tagħha biex tiġi mgħejjuna finanzjarjament kif tippermetti l-Kummissjoni Ewropea.