Wara sensiela ta’ konsultazzjonijiet, intlaħaq ftehim dwar il-Property Lease Agreement Attestation Form, bejn Identità, il-Kunsill Nutarili ta’ Malta, il-Kamra tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali.
Dan il-ftehim intlaħaq wara diskussjonijiet dwar kif ftehim ta’ kiri tal-proprjetà ppreżentat bħala parti minn applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandu jkun uffiċjalment attestat minn Nutar, Avukat jew Prokuratur Legali.
L-għan ta’ din il-verifika huwa li tiġi żgurata l-korrettezza, l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta lill-Aġenzija u ċ-ċertezza legali sabiex jiġu evitati l-abbużi.
Kull ftehim tal-kiri ġdid ser jiġi attestat mill-professjonisti msemmija, bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-proċess kemm għall-Aġenzija Identità, kif ukoll għall-inkwilini u s-sidien tal-kera.
Din il-formola ser issir obbligatorja min-nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru għall-applikazzjonijiet li jinvolvu kirjiet ġodda biex il-partijiet involuti jkollhom żmien biżżejjed biex jikkonformaw mar-rekwiżiti.
L-Aġenzija Identità ser tibqa’ ma tittollerax abbużi, u kwalunkwe każ ta’ abbuż ser jiġi rraportat lill-awtoritajiet kompetenti.