- L-aħħar darba li l-paga minima żdiedet aktar mill-COLA kien 27 sena ilu.
Government and social partners have reached National Agreement on increasing Minimum Wage. So proud of this accomplishment. Details soon -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) April 26, 2017
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar permezz ta’ Twitter li intlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali dwar iż-żieda fil-paga minima.
Il-Gvern u l-imsieħba soċjali kollha fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali laħqu Ftehim Nazzjonali dwar żieda fil-paga minima.
Dan hu l-ewwel ftehim simili bejn l-imsieħba soċjali kollha mill-1989 meta ġie stabbilit il-mekkaniżmu tal-COLA li jinkludi mhux biss żieda fil-paga minima iżda wkoll żidiet oħra u mekkaniżmu ta’ kif il-paga minima se tkun riveduta fis-snin li ġejjin.
L-aħħar darba li l-paga minima żdiedet aktar mill-COLA kien 27 sena ilu.
Id-dettalji se jitħabbru fis-sigħat li ġejjin filwaqt li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim nazzjonali se jsir nhar il-Ġimgħa li ġej wara li ċ-Chairman tal-MCESD ikkonferma l-qbil tal-imsieħba soċjali.
Il-Prim Ministru laqa’ bil-ferħ il-Ftehim Nazzjonali u ddeskrivieh bħala suċċess ieħor storiku. “Din hi ħolma oħra li qed issir realtà fl-istess ġimgħa li rreġistrajna surplus ta’ aktar minn €100 miljun, diġà lħaqna rata ta’ impjiegi tal-2020, naqqasna l-faqar bin-nofs u qtajna darba għal dejjem il-heavy fuel oil. Ir-roadmap li għażlu l-familji u n-negozji qed tirnexxi”, qal il-Prim Ministru.
Hu rringrazzja lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lil min iħaddem, u t-tmexxija tal-MCESD li nnegozjaw mal-Gvern, kif ukoll lid-Deputat Prim Ministru li mexxa miegħu dawn in-negozjati ma’ rappreżentanti miż-żewġ naħat.
Il-Gvern innota li l-Oppożizzjoni diġà qalet li se tkun qed taqbel ma’ kull ftehim li jintlaħaq u għalhekk se tkun mistiedna għal dan l-iffirmar.