F’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Agrikoltura u s-Sajd intlaħaq qbil dwar kwota ġdida għal-lampuki matul is-sena d-dieħla bil-għan li tkun assigurata s-sostenibbiltà tal-istokk u jkunu żgurati opportunitajiet tajbin għas-sajjieda.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, li attendiet għal din il-laqgħa f’isem pajjiżna tkellmet dwar l-importanza li jkunu minimizzati l-impatti soċjoekonomiċi fuq is-sajjieda fis-snin li ġejjin.
Qalet, “U mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li Malta se jkollha aktar minn 500 tunnellata ta’ kwota għal-lampuki li dan jawgura tajjeb sabiex ikollhom provvista biżżejjed sabiex is-sajd jibqa’ wieħed sostenibbli.”
Bugeja Said iddefendiet ukoll il-pożizzjoni ta’ pajjiżna b’rabta mal-kwota tat-tonn hekk kif saħqet li din l-allokazzjoni għandha tibqa’ magħluqa għall-Unjoni Ewropea.
B’rabta mal-qasam tas-swieq agrikoli Bugeja Said, qalet li hu importanti li jiġi osservat is-suq ħalli tittieħed azzjoni fil-ħin opportun b’miżuri trasparenti, ġusti u effettivi.
Rigward il-ħarsien tal-annimali li wkoll qed ikun diskuss f’laqgħat li qed tattendi għalihom is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said, intqal kif pajjiżna qed jappoġġja proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tnissil tal-klieb u l-qtates li diġà ddaħħlu f’Malta.