Malta u l-Ukraina bdew diskussjonijiet serji sabiex f’pajjiżna jkun hawn ċentru loġistiku tal-Kumpanija Antonov li timmanifatura l-ajruplani.
Dan iċ-ċentru huwa maħsub li jibda jservi ta’ faċilità għall-manutenzjoni ta’ dawn it-tip ta’ ajruplani li jopperaw fl-Afrika.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata mal-President tal-Ukraina Petro Poroshenko li matul il-ġurnata tat-Tlieta għamel żjara statali f’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li bdew id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiż sabiex Malta iservi bħala ‘Hub’ ta’ prodotti agrikoli bejn l-Ukraina u l-Afrika ta’ Fuq u kif ukoll qal li qed tiġi diskussa ‘joint venture’ bejn iż-żewġ pajjiżi għall-użu tat-terminal tal-qamħ f’ Kordin.
Iż-Żjara ta’ Poroshenko qed titqies bħala waħda storika hekk kif huwa l-ewwel President Ukren li għamel żjara ta’ dan it-tip f’ Malta.
F’ laqgħat bilatterali li huwa kellhu mal-Prim Ministru Joseph Muscat innota l-istatura tal-Prim Ministru Malti fl-istituzzjonijiet ewropej fejn fost oħrajn kien influwenti sabiex l-Ukaijna tintegra b’ mod aħjar fl-Unjoni Ewropeja, b’ mod partikolari waqt l-aħħar xhur fejn Pajjiżna qed jassumi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja.
Huwa għamel riferenza għall-ftehim milħuq dwar il-liberalizazzjoni tal-VISA għaċ-Ċittadini Ukreni fi Frar li għadda propju taħt il-Presidenza Maltija.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru wera l-impenn tiegħu sabiex ikompli jaħdem bis-sħiħ għall-kawża Ukrena matul dawn l-aħħar ġimgħat tal-Presidenza.
Fil-Berġa ta’ Kastilja ġew iffirmati wkoll tliet ‘Memorandum of Understandings’ wieħed dwar Konsultazzjonijiet Bilaterali, ieħor dwar Kooperazzjoni fl-Edukazzjoni ogħla, u ftehim fil-qasam taż-Żgħażagħ u l-Isports.
Il-President Ukren iltaqa’ wkoll mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li qalet li apparti r-relazzjoni diplomatika b’ saħħitha li diġa teżisti bejn Malta u l-Ukraina hemm ukoll lok ta’ relazzjoni f’ dak li għandu x’ jaqsam ma’ negozju u Infrastruttura.
Hija sostniet li pajjiżna qed isservi ta’ pont tajjeb bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Ukraina b’ mod partikolari f’ dan iż-żmien li pajjiżna qed jassumi l-Presidenża Ewropeja.
Min-naħa tiegħu l-President Ukren qal li dan huwa jum storiku dan għaliex il-Presidenza Maltija tat l-opportunita’ lill-Ukraina tkun eqreb l-istituzzjonijiet Ewopej