Ġie ffirmat ftehim mil-miktub bejn il-Gvern Malti u Regione Siciliana, ftehim li se jwassal biex ikollna pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan il-ftehim iffirmat illum juri l-impenn tal-Gvern Malti biex il-Med-Link pipeline ikun ikkummissjonat b’suċċess. Dan huwa pass importanti fis-settur tal-enerġija ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega li dan kien il-pass li jmiss wara li pajjiżna beda jipproduċi l-enerġija bil-gass. Huwa spjega li dan il-ftehim se jkun qed iwassal għal inqas burokrazija u se jkun qed iwassal biex iż-żewġ partijiet ikunu jafu x’inhu mistenni minnhom u anke jiġi rispettat iż-żmien maqbul li fih se jitlesta dan il-pipeline.
Il-Prim Ministru spjega li fl-aħħar erba’ snin, Gvern laburista ħadem biex l-infrastruttura tal-enerġija f’Malta titjieb. Fil-fatt pajjiżna m’għadux jiddependi mill-aktar żejt li jniġġeż, il-Heavy Fuel Oil iżda llum qed juża enerġija aktar nadifa li taħdem bil-gass.
Pipeline li huwa mistenna li jistlesta fi żmien seba’ snin b’investiment ta’ €320 miljun. Ladarba l-pipeline jiġi ikkummissjonat, se jkun qed jissostitwixxi l-Floating Storage Unit li hemm f’Dellimara.
Huwa rringrazzja lill-Gvern Sqalli għall-iffirmar ta’ din il-letter of intent li se tgħin biex pajjiżna jkompli jiddiversifika l-enerġija f’pajjiżna.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Gvern kien kommess sa mill-bidu nett biex dan il-proġett jiġi implimentat. Huwa spjega li f’Ottubbru 2013 il-proġett intagħżel mill-Unjoni Ewropea bħala proġett ta’ interess komuni għall-Ewropa. Il-Ministru qal li l-ewwel pass kien li jsir feasibility study biex jiġi ddetterminat jekk jistax isir flimkien ma’ cost-benefit analysis li wasslu għad-disinn u l-istruttura ta’ dan il-pipeline. Il-pipeline se jkun bejn Dellimara u Gela fi Sqallija.
Mizzi spjega li fis-Sajf se tinħoloq il-kumpanija Gas Transmission Operator li se tkun sid il-pipeline. Qal ukoll li l-permessi meħtieġa se jkunu lesti sal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Fl-2013 bdiet il-ħidma minn Gvern Laburista biex jibda l-proċess tal-pipeline tal-gass u wara li l-Unjoni Ewropea approvat dan il-proġett bdew it=taħdidiet bilaterali f’Ruma. Spjega li l-pipeline se jkun twil 160 kilometru u l-maġġoranza tiegħu se jkun taħt il-baħar. Il-laqgħat mal-Gvern Taljan se jkomplu biex dan il-proġett ikun jista’ jiġi realizzat.